Rużarju on line

Is-Sibt, 4 Mejju 2024 - Misteri tal-Ferħ - San Ciriaco ( Letture di oggi )

Novena lejn il-Ħniena Divina

Santa Fawstina kitbet fid-djarju taghha: “Il-Mulej qalli biex nirreċita din in-novena fid-disat ijiem ta’ qabel il-Festa tal-Ħniena Divina. Għandha tibda f’jum il-Ġimgħa l-Kbira. Imbagħad Gesù qalli: “Permezz ta’ din in-novena, jiena nagħti kull grazzja possibli lill-erwieħ... Jiena nixtieq li matul dawn id-disat ijiem inti tressaq ‘il bnedmin lejn il-għajn tal-Ħniena tiegħi, sabiex minna jkunu jistgħu jieħdu l-qawwa, il-faraġ u kull grazzja li jeħtieġu fit-tbatijiet ta’ din il-ħajja, u l-iktar fis-siegħa tal-mewt.

F’kull ġurnata inti għandek tressaq lejn Qalbi gruppi differenti ta’ erwieħ u niżżilhom fl-oċejan tal-Ħniena tiegħi, u jiena ndaħħalhom ilkoll f’dar Missieri. Inti taqdi din il-missjoni f’din il-ħajja u fl-eternità. F’kull ġurnata inti għandek titlob grazzji lil Missieri għal dawn l-erwieħ, f’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħi.

Santa Fawstina, b’sempliċità kbira qalet lil Ġesù: “Ġesù, jiena ma nafx kif għandi nagħmilha din in-novena u liema erwieħ inressaq l-ewwel lejn il-Qalb l-iktar ħanina tiegħek.” Iżda Ġesù weġibha li hu kellu juriha hu liema erwieħ tressaq kuljum lejn qalbu.

Kull min jagħmel din in-novena lejn il-Ħniena Divina, jekk ikun possibli għandu jgħid ukoll il-kurunella tal-Ħniena Divina’ li qegħda wkoll f’din il-website.

Din in-novena qawwija lejn il-Ħniena Divina tista’ tingħad f’kull żmien iżda skond ix-xewqa ta’ Ġesù, kif espressa minn Santa Fawstina, iż-żmien speċjali tagħha hu bħala preparazzjoni għall-festa tal-Ħniena Divina li tiġi ċċelebrata fit-Tieni Ħadd tal-Għid.

Ma’ din in-novena tista’ żżid ukoll l-intenzjonijiet tiegħek.